Please, Login or Register before checkout

Register

Dwarna

MEMORJA huwa l-arkivju orali u awdjo-viżiv tal-Arkivji Nazzjonali ta' Malta (ANM). Il-missjoni tagħna hija li nirrekordjaw l-istejjer tal-ħajjiet ta' nies u gruppi li għandhom rappreżentazzjoni baxxa fl-istorja ddokumentata tal-pajjiż.

Il-bidu tal-proġett imur lura għan-National Memory Project (NMP) fl-2004, segwit minn kollaborazzjoni mal-Public Memory Archive (PMA) fl-Università ta' Malta. Stabbilit fl-2017, MEMORJA issa jitqies bħala r-reċipjent ewlieni tal-memorja nazzjonali u pubblika tagħna.

MEMORJA juża metodi avvanzati fl-istorja orali, fl-etnografija u fl-arkivistika sabiex jiġu miġbura, rrekordjati, ippreservati u jsiru aċċessibbli l-istejjer individwali u kollettivi li jkunu twasslu s'għandna b'mod orali u anke permezz ta' awdjo u filmati. Aħna interessati fid-diversità tal-memorji, l-istejjer bijografiċi, l-esperjenzi tal-komunità u l-avvenimenti storiċi tal-poplu Malti.

Mħarrġin fl-istorja orali, il-ħaddiema u l-voluntiera tal-proġett MEMORJA jagħmlu xogħol etnografiku kontinwu fil-komunità, u b'hekk iżewwqu l-arkivji tagħna b'memorji u tifkiriet, ritratti personali, dokumenti, efemera, oġġetti, awdjo, vidjo u filmati fuq it-tertuqa li ġew iddepożitati u ippreservati, u saru aċċessibbli għal kulħadd. L-intervisti dwar l-istorja orali li qed isiru mill-ħaddiema tagħna jgħinu sabiex iżidu l-viżibiltà tal-ANM. B'hekk jiġu ġġenerati iktar ħbiberiji u relazzjoni unika ta' fiduċja bejn l-Arkivji Nazzjonali ta' Malta u l-pubbliku.

Kull materjal diġitalizzat fi ħdan MEMORJA huwa ppreservat u kkatalogat, u qed isir aċċessibbli fuq dan is-sit elettroniku.